Missjoni
Is-Servizz Kontra l-Ibbuljar jipprovdi l-azzjoni neċessarja meħtieġa sabiex tiġi indirizzata l-imġiba tal-bullying. Kull membru tat-tim jaħdem id f’id b’sett speċifiku ta’ Kulleġġi f’Malta u Għawdex, u jappoġġja u jmexxi interventi, kif ukoll sessjonijiet ta’ prevenzjoni u biex jitqajjem l-għarfien.
Servizzi Offruti
- sessjonijiet individwali mal-individwi involuti;
- sessjonijiet fi gruppi żgħar;
- sessjonijiet imfassla apposta biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet varji;
- interventi fil-klassi;
- sessjonijiet ta’ informazzjoni u taħriġ għall-istaff tal-iskola;
- jinħolqu inizjattivi fl-iskejjel – il-promozzjoni ta’ approċ fl-iskola sħiħa;
- taħditiet ta’ informazzjoni mal-ġenituri;
- laqgħat mat-Tim tal-Maniġment Superjuri;
- riferiment lil membri oħra tat-tim edukattiv psikosoċjali;
- ħidma kollaborattiva ma’ professjonisti/entitajiet oħrajn.
Il-bullying jista’ jieħu diversi forom:
- Fiżiku – swat, daqqiet ħfief bil-minkeb, tfixkil jew imbuttar, eċċ.
- Verbali – tgħajjir, insulti, abbuż, eċċ.
- Soċjali – gideb, xnigħat, ikkupjar, l-esklużjoni ta’ xi ħadd intenzjonalment (ostraċizzar), eċċ.
- Psikoloġiku – theddid, manipulazzjoni, imġiba ta’ segwiment, eċċ.
- Cyberbullying/Ċibernetiku – l-użu ta’ teknoloġija bħal messaġġi, email, mowbajls, tablets, gaming consoles, chat rooms, siti tan-networking – li jsir bullying verbalment, soċjalment u/jew psikoloġikament.
X’jiġri meta jkun hemm inċident tal-bullying fl-iskola?
- L-istudent jeħtieġ li jkellem adult fdat fl-iskola.
- Dan l-adult imbagħad huwa responsabbli biex jirreferi l-informazzjoni lit-Tim tat-Tmexxija tal-Iskola, li għandu mnejn jirreferi l-każ ukoll lill-għalliema tal-guidance.
- Jekk il-problema tippersisti, timtela formola ta’ riferiment għas-Servizz Kontra l-Ibbuljar u mbagħad jitwettqu interventi ulterjuri minn membru ta’ dan is-servizz.
X’jiġri meta jseħħ Bullying Ċibernetiku/Cyberbullying?
- Tħassarx il-kontenut!
- Issejvja kwalunkwe messaġġ, chat, ritratti: ħu screenshot jew “issejvja bħala”.
- Jekk possibbli, ipprintja l-evidenza.
- Avża lill-iskola u ppreżenta l-evidenza.
- Agħmel rapport fl-għassa tal-pulizija lokali tiegħek – ħu l-evidenza!
- L-unità tal-pulizija għall-Kriminalità Ċibernetika jew l-Iskwadra Kontra l-Vizzji tieħu l-azzjoni neċessarja ladarba jiddaħħal ir-rapport.