Jekk tinnota mġiba mhux tas-soltu u inkwetanti f’ċertu student/studenta, pereżempju, sinjali ta’ ansjetà, dwejjaq, tifel jitwarrab minn mal-oħrajn jew iġib ruħu b’mod negattiv, l-istudent jista’ jiġi referrut għas-servizz tal-psikoterpaija Psikoterapista tista’ tieħu x-xogħol mat-tifel, mal-ġenituri u anki mat-tifel fil-klassi mat-tfal l-oħra. Waqt dawn is-sezzjonijiet li jsiru fil-klassi, it-terapista tgħin lit-tifel fil-mument preżenti li jagħraf proprju x’inhu jagħmel, x’inhu jgħid u kif dan qed jaffettwa lilu nnifsu u lill-oħrajn. B’dan il-mod it-tifel jieħu s-sapport li għandu bżonn sabiex iġib ruħu aħjar u l-edukatur jieħu s-sapport meħtieġ biex jirrelata mat-tifel b’mod li t-tifel jikkoopera aħjar u jħossu aħjar ukoll. Sessjonijiet individwali mat-tifel isiru skont il-problemi li t-tifel ikun għaddej minnhom f’ħajtu. Sessjonijiet oħrajn mat-tifel u tfal oħrajn, bejn ġenituri u t-tifel, jew mal-edukatur u t-tifel jistgħu jkunu wkoll parti mill-programm terapewtiku, skont il-bżonnijiet tat-tifel u dawk tal-edukatur. Il-viżjoni tagħna fi ħdan is-servizz tal-psikoterapija hija li nikkontribwixxu għal sens ta’ benessere, mhux biss fuq livell tal-istudent individwali, imma wkoll fuq livell tal-klassi u tal-iskola kollha.