Dwar is-servizz
Kull skola fi ħdan il-Kulleġġi tal-iskejjel ta’ Malta għandha r-regoli tagħha dwar l-imġiba sabiex ikun żgurat li kulħadd ikun jista’ jitgħallem f’ambjent organizzat, pjaċevoli u sikur. Il-Prefetti tad-Dixxiplina fi ħdan l-iskejjel jikkollaboraw mal-iskola kif ukoll ma’ entitajiet barra mill-iskola sabiex jippromwovu mġiba pożittiva bbażata fuq ir-rispett reċiproku. Id-dixxiplina hija proċess ta’ tagħlim li jieħu l-ħin u l-paċenzja u li jwassal sabiex student ikollu aktar kunfidenza u fiduċja fih innifsu sabiex jitgħallem jagħmel l-aħjar għażliet. Il-Prefetti tad-Dixxiplina jiġu msejħa mill-iskejjel sabiex jinvestigaw każijiet ta’ ksur serju tar-regolamenti tal-imġiba, fejn ikun hemm sitwazzjonijiet ta’ mġiba diffiċli u li jirrekjedu għajnuna speċjalizzata. Il-Prefetti tad-Dixxiplina, flimkien ma’ servizzi oħra, jipprovdu sapport lil dawn it-tfal u lil ta’ madwarhom sabiex jiżviluppaw kapaċitajiet soċjali, espressjoni emozzjonali u komunikazzjoni effettiva. Bħala professjonisti rridu nifhmu s-sitwazzjoni ta’ kull student u nkunu sensittivi għall-bżonnijiet tagħhom sabiex inkunu nistgħu nipprovdu l-aħjar għajnuna u edukazzjoni għall-persuna individwali.