L-għalliema tal-guidance jipprovdu għajnuna fuq bażi personali u fuq bażi ta’ grupp lill-istudenti kemm fl-iskejjel Primarji u dawk Sekondarji. Il-guidance teachers jippruvaw iżidu fl-istudenti l-kunfidenza fihom infushom, jagħmluhom konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom, jgħinuhom jieħdu deċiżjoni u jsolvu l-problemi u jgħinuhom itejbu l-ħiliet soċjali biex jikkonfrontaw kwistjonijiet personali u problemi ta’ mġiba u assenteiżmu. Huma joffru wkoll gwida dwar il-kurrikulu, bħall-għażla tas-suġġetti, l-għażla ta’ korsijiet wara li jtemmu l-iskola obbligatorja u għażliet oħra dwar il-karriera. Tingħata wkoll informazzjoni oħra dwar l-edukazzjoni post-sekondarja permezz ta’ seminars, materjal mitbugħ, u attivitajiet diversi kemm fuq livell ta’ skola kif ukoll fuq livell ta’ kulleġġ.