Objettivi tas-Servizz

Il-Koordinatur tat-Tranżizzjoni huwa l-persuna ewlenija li tgħin lill-istudenti bi Ħtiġijiet Edukattivi Individwali (IEN) u l-familji tagħhom isiru aktar konxji tal-opportunitajiet edukattivi jew ta’ impjieg futuri. Pjanijiet ta’ tranżizzjoni individwali huma żviluppati u implimentati ma’ dawn l-istudenti u l-familji tagħhom. Il-Koordinatur tat-Tranżizzjoni jistinka biex jibni networks solidi ma’ entitajiet postsekondarji. Isiru laqgħat mal-entitajiet postsekondarji biex ikunu jistgħu jsiru jafu l-ħtiġijiet u l-għanijiet edukattivi u personali tal-istudenti, u kif dawn jistgħu jiġu sodisfatti u miksuba.

Il-Koordinatur tat-Tranżizzjoni:

  • Jinforma lill-istudenti bl-IEN tal-11-il Sena u lill-ġenituri/tuturi tagħhom dwar l-opportunitajiet differenti li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti, u għaldaqstant jiżgura li ssir l-aħjar għażla ta’ provvediment possibbli għal kull student;
  • Jgħin fil-programm ta’ tranżizzjoni mill-edukazzjoni standard sekondarja jew miċ-Ċentri tar-Riżorsi għal provvedimenti ta’ wara s-16-il sena, servizzi għall-adulti jew opportunitajiet ta’ impjieg;
  • Jorganizza żjarat ta’ orjentazzjoni fil-provvedimenti differenti u jipprepara profili u pjanijiet ta’ azzjoni għall-programm ta’ tranżizzjoni ta’ kull student.

Servizzi Offruti

  • Pjan ta’ tranżizzjoni individwali għal studenti b’dikjarazzjoni tal-ħtiġijiet / li jattendu klassi CCP li huma fl-10 Sena u fil-11-il Sena jiġi żviluppat u implimentat mill-Koordinatur tat-Tranżizzjoni, permezz ta’ sessjonijiet ta’ osservazzjoni, u laqgħat mal-istudent, il-familja u t-tim tal-iskola.
  • Il-proċess jibda waqt il-laqgħa tal-IEP tal-istudenti fl-aħħar sena tagħhom tal-iskola sekondarja (il-11-il Sena) fejn il-ġenituri/membri tal-familja, il-Kap tad-Dipartiment (Inklużjoni) u t-Tim tal-Maniġment Superjuri tal-iskola jkunu preżenti wkoll biex jiddiskutu l-aħjar għażliet possibbli tal-istudenti għall-futur tagħhom.
  • Tul is-sena skolastika (il-11-il Sena), isiru sessjonijiet individwalment mal-istudenti biex jiddiskutu l-aħjar għażliet possibbli tagħhom. Laqgħat oħrajn isiru mal-entitajiet magħżula mill-istudenti u l-familji tagħhom, u mal-provvedimenti postsekondarji ppreferuti. Gruppi żgħar ta’ studenti jipparteċipaw waqt dawn iż-żjarat biex jiġi żgurat li mistoqsijiet u tħassib dwar il-futur tagħhom jiġu indirizzati b’mod xieraq.

Studenti tal-iskola sekondarja li jistgħu jibbenefikaw minn dawn is-servizz jinkludu dawk li: 

  • Qegħdin fl-10 Sena jew fil-11-il Sena;
  • Għandhom dikjarazzjoni tal-ħtiġijiet u għandhom is-sapport ta’ Edukatur għal Sapport fit-Tagħlim (Learning Support Educator – LSE);
  • Għandhom diffikultajiet fit-tagħlim u/jew ħtiġijiet addizzjonali;
  • Għandhom arranġamenti għall-aċċess.

Eliġibilita’ għas-Servizz

Min jista’ jirreferi lill-istudenti għas-Servizz ta’ Koordinatur tat-Tranżizzjoni?

Matul is-sena skolastika, il-Kapijiet tad-Dipartiment (Inklużjoni) jirreferu lill-istudenti li jeħtieġu tħejjija aktar strutturata biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn provvedimenti wara s-16-il sena, servizzi għall-adulti jew opportunitajiet ta’ impjieg.